Il-Kummissjoni Piroteknika Santa Katerina VM ta’ Żejtun hija r-rebbieħa tal-Festival tan-Nar tal-Art Mekkanizzat
Il-Kunsill Lokali Floriana jħabbar ir-rebbieħa tas-sittax-il edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat:
- Kategorija A – l-aħjar Mekkanizzmu ntrebħet mill-Għaqda Mużikali Marija Bambina, Banda Vittorja, Naxxar
- Kategorija B – l-aħjar Prodotti ntrebħet mill-Kummissjoni Piroteknika Santa Katerina VM, Banda Żejtun
- Kategorija Ċ – l-aħjar Eżebizzjoni Oriġinali ntrebħet mill-Kummissjoni Piroteknika Santa Katerina VM, Banda Żejtun
Ladarba l-Kummissjoni Piroteknika Santa Katerina VM, Banda Zejtun rebħet żewġ kategoriji, awtomatikament ġiet ddikjarata r-rebbieħa tal-Festival.
Il-ġurija kienet magħmula minn 3 esperti fil-piroteknika, żewġ barranin u Malti, filwaqt li ċ-Chairperson tal-ġurija kien s-Sur Stanley Azzopardi, Membru fl-Għaqda Piroteknika Maltija.
Għall-ewwel darba ukoll, ingħata l-iSportsmanship Award, għal dik il-Kamra tan-Nar li f’dan l-ambjent kompetittiv uriet l-iktar spirtu ta’ kollaborazzjoni u fraternità mal-kompetituri l-oħra. Dan ingħata wkoll lill-Kummissjoni Piroteknika Santa Katerina VM, Banda Żejtun.
Is-Sindku tal-Floriana, Nigel Holland ippreżenta l-premijiet lir-rebbieħa.
Dan il-Festival huwa organizzat mill-Kunsill Lokali Floriana bl-għajnuna loġistika tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.