Il-Kunsill Furjaniż xprun biex tkun affaċjata l-kriżi demografika fil-Floriana u fil-lokalitajiet madwar il-Port il-Kbir

F’konferenza tal-aħbarijiet imtella’ mill-Kunsill Lokali tal-Floriana, il-Kunsill Lokali ta aġġornament fuq l-aħħar żviluppi b’rabta mal-kriżi demografika li hemm fil-lokalità u kif ukoll x’seħħ matul l-aħħar ġimgħat b’rabta mar-riġenerazzjoni tal-Floriana.

Fil-kummenti tiegħu, is-Sindku Nigel Holland ta ħarsa tas-sitwazzjoni preżenti fil-lokal, fejn sostna li jinsab quddiem binja, fi Triq il-Kapuċċini ma ‘ Triq San Tumas li sfortunatment kienet waħda residenzjali u li qed tiġi kkonvertita għal aspetti kummerċjali. Huwa tenna li l-Kunsill Lokali dejjem joġġezzjona għal żvilupp bħal dan. Huwa qal li l-Kunsill Lokali, permezz tad-dokument ippreżentat mill-Viċi Sindku, James Aaron Ellul, qed isostni l-politika tiegħu għal riġenerazzjoni tal-popolazzjoni tal-lokalità. Huwa qal li wettaq kuntatt anki ma’ entitajiet u anki ma’ Kunsilli Lokali madwar il-Port il-Kbir fejn qed jikkonkorru għal diskussjonijiet mal-Kunsill tal-Floriana għal triq ‘il quddiem b’rabta mal-kriżi demografika fiz-zona. Infatti huwa tenna li l-ġimgħa d-dieħla, il-Kunsill Lokali tal-Birgu, stieden lill-Kunsill Lokali tal-Floriana biex jitkellmu dwar l-isfida tan-nuqqas tal-popolazzjoni li qed jaffaċjaw iż-żewġ lokalitajiet.

Huwa qal ukoll li kien hemm rieda pożittiva mir-Reġjun Port dwar dan u kif ukoll l-entità non governattiva – Residenti Beltin, uriet interess għal diskussjoni, hekk kif anki l-Belt Valletta qed taffaċċja sfidi simili.

Is-Sindku Nigel Holland qal li fl-aħħar jiem il-Kunsill talab li jiltaqa’ mal-Prim Ministru, bil-Prim Ministru jiddelega lill-Ministru Owen Bonnici għal laqgħa ta’ diskussjoni. Huwa qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kien talab li jiltaqa’ mal-Kunsill Furjaniż u fl-aħħar ġimgħat saret laqgħa wkoll fejn magħhom ġiet diskussa l-kriżi demografika u kif ukoll l-poltika li jeħtieġ li tkun implimentata biex titħares il-popolazzjoni tal-Floriana u l-identità tal-lokal minnha nnifisha.

Fil-messaġġ tiegħu huwa fakkar u l-Kunsill għażel li jsostni l-messaġġi tiegħi anki fil-ġimgħa tal-festa ta’ San Publju, hekk kif matul din il-ġimgħa l-lokal jieħu l-ħajja minn Furjaniżi li m’għadhomx jgħixu l-Floriana, u mbagħad matul is-sena, il-ħajja fil-lokal tkun differenti. Huwa tenna li lokalità bla komunità mhux lokalità, u għalhekk il-Kunsill Lokali tal-Floriana se jibqa’ jsostni l-politika li ssaħħaħ il-popolazzjoni tal-lokalità u mhux tħalliha titnaqqar.

Matul l-istess konferenza tkellem ukoll il-Viċi Sindku tal-Floriana, James Aaron Ellul, fejn elenka l-fatt, li d-dokument li ppreżenta ġimgħat ilu, u li kellu approvazzjoni tal-Kunsill kollu, qajjem kuxjenza dwar is-sitwazzjoni. Huwa ta ħarsa lejn il-Floriana bħala komunità, u kompla ma’ dak li diġà sostna s-Sindku, fejn sfortunatament fil-Floriana, intilef il-bilanċ. Huwa sostna li l-policy paper toffri soluzzjonijiet konkreti u fattibbli, b’allokazzjoni ta’ fondi u sussidji li jistgħu jassistu x’tip ta’ żvilupp isir fil-Floriana, b’enfasi fuq żvilupp li jsostni r-residenti u l-identità. Huwa tenna li l-investiment privat għandu rwol kruċjali biex dan isir, madanakollu jeħtieġ għajnuniet mill-Gvern jew mill-Istat, biex anki l-mod kif il-privat iħares lejn il-Floriana jinbidel u jiffoka fuq żvilupp residenzjali.

Il-Viċi Sindku James Aaron Ellul tenna li fl-aħħar ġimgħat, il-Kunsill Lokali ltaqa’ mal-Ministru Owen Bonnici, u anki mal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, fejn semgħu lill-Kunsill u t-talbiet tagħhom. Huwa hawn irringrazzja lil dawk kollha li qed juru interess fil-politika li tħares ir-residenti Furjaniżi u l-ħajja madwar il-Port il-Kbir. Huwa sejjaħ dan il-pass bħala wieħed pożittiv hekk kif id-dokument ippreżentat qajjem għarfien u li fuq kollox kif jindika wkoll id-dokument, il-missjoni hija waħda nazzjonali u li tinvolvi anki r-reġjun Port. Bil-Ministru anki jindika l-possibbiltà li jtella’ din il-materja quddiem il-Kabinett.

Huwa tenna li l-iżviluppatur m’għandux ikollu r-responsabbiltà hu li jħares il-lokal, imma fuq kollox l-Awtoritajiet kompetenti għandhom jaqdu dmirhom, li jkun hemm il-bilanċ ippjanat u li hemm anki mehmuż fil-Pjan Lokali tal-2002. Huwa qal li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha tassew timxi mal-linji gwida li suppost issegwi u terfa’ l-piżijiet tagħha.

Il-Viċi Sindku għalaq billi appella għall-ħidma kollettiva u tenna li rieda politika mill-Kunsill Lokali tinsab hemm, jeħtieġ li din ir-rieda u l-kuraġġ politiku jkun sostnut minn min għandu aktar awtorità li jimplimenta u jaġixxi.