Jeħtieġ li mhux biss niġu mismugħa, imma l-awtoritajiet kompetenti jaġixxu
Il-Kunsill Lokali tal-Floriana jagħlaq il-bibien f’azzjoni simbolika dwar il-kriżi demografika
Il-Kunsill Lokali tal-Floriana illum, it-Tlieta 25 ta’ Awwissu, għalaq l-uffiċċji tiegħu f’azzjoni simbolika u protesta dwar il-kriżi demografika li ilha tolqot il-lokalità għal għexieren ta’ snin. Il-Kunsill qed jagħmel dan wara aktar minn sentejn ta’ ħidma biex din il-problema titpoġġa fuq l-aġenda nazzjonali u biex jiġu identifikati soluzzjonijiet konkreti għall-futur tal-komunità Furjaniża.
L-azzjoni tal-lum hija sejħa biex il-Kunsill u r-residenti tal-Floriana jiġu mismugħa u fuq kollox tittieħed azzjoni mill-aktar fis. Il-Kunsill jemmen li r-riġenerazzjoni tal-lokalità għandha twassal għal aktar residenti u għal komunità aktar b’saħħitha, u mhux għal tnaqqis kontinwu fil-popolazzjoni residenzjali.
Is-Sindku tal-Floriana, Nigel Holland, qal li l-Kunsill ilu għal dawn l-aħħar sentejn jindirizza din il-problema permezz ta’ dokumenti ta’ politika, konferenzi tal-aħbarijiet, konferenza reġjonali, laqgħat ma’ stakeholders u proposti konkreti. Huwa saħaq li l-Kunsill għamel il-parti tiegħu, iżda li kriżi demografika ta’ din in-natura teħtieġ ukoll intervent mill-Gvern u mill-awtoritajiet nazzjonali.
Holland sostna li l-Floriana ma tistax tkompli titlef il-popolazzjoni tagħha filwaqt li proprjetajiet residenzjali qed jinbidlu f’użi kummerċjali u turistiċi. Għalhekk, il-Kunsill għandu jibqa’ involut fi kwalunkwe pjan jew politika li taffettwa l-futur tal-lokalità.
Holland irrimarka li filwaqt li kien hemm laqgħat pożittivi, li waslu għal diskussjoni matura, ma jistax ikun nibqgħu fejn konna. Huwa għalaq billi qal li l-Kunsill Lokali se jibqa’ jaħdem biex il-messaġġ jasal għand l-awtoritajiet kompetenti biex is-soluzzjonijiet li offra l-Kunsill Lokali jiġu implimentati.
Il-Viċi Sindku James Aaron Ellul qal li jeħtieġ li d-diskussjoni tgħaddi għal deċiżjonijiet u azzjoni konkreta, b’politika li tpoġġi l-popolazzjoni residenzjali fil-qalba tal-futur tal-Floriana. Huwa fakkar kif sentejn ilu ppubblika policy paper dwar il-kriżi demografika tal-Floriana, li ġie approvat unanimament mill-Kunsilliera kollha u kellu l-appoġġ tal-partiti kollha rappreżentati fil-Kunsill. Il-policy paper stabbilixxa numru ta’ proposti biex jiġi mħarsa r-residenti u tissaħħaħ il-komunità tal-Furjana.
Ellul qal l-Kunsill Lokali wassal l-ideat, imma ma jistax isolvi din il-kriżi waħdu. Issa jmiss lill-Gvern u l-awtoritajiet governattivi li jaraw u jwettqu l-proposti li l-Kunsill wassal u jagħmel il-parti tiegħu wkoll.
Ellul qal li l-problema nafuha, il-proposti qegħdin fuq il-mejda issa jeħtieġ li ma jibqgħux hemm u jiġu mwettqa. Huwa qal li l-Kunsill għamel il-parti tiegħu u wera li lest jaħdem ma’ kulħadd. Issa jmiss lill-Gvern u lill-awtoritajiet jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex il-Floriana terġa’ tikber bħala komunità residenzjali.
Il-Kunsill jinnota wkoll li l-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg wieġeb b’mod pożittiv għat-talba għal laqgħa u aċċetta li jiltaqa’ mal-Kunsill. Madankollu, minkejja talba formali, il-Kunsill għadu qed jistenna risposta mill-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Kunsill saħaq għal darba tnejn tlieta li din mhijiex kwistjoni partiġġjana u li, jekk ikun hemm pjanijiet konkreti mill-Gvern biex tiżdied il-popolazzjoni residenzjali tal-Floriana, il-Kunsill se jappoġġjahom.
Il-Kunsill Lokali rrimarka b’mod pożittiv il-laqgħa li kellu mal-Ministru tal-Akkomadazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici b’rabta ma’ din l-isfida, fejn fiha anki ġew diskussi s-soluzzjonjiet li anki l-Kunsill Lokali ilu jinsisti dwarhom. B’azzjonijiet bħal skemi u inċentivi li jassisti li min irid jixtri proprjetà fil-Floriana, fil-Belt Valletta u l-Kottonera u anki żvilupp ta’ binjiet ta’ akkomodazzjoni affordabbli u soċjali fil-Floriana.
Il-Kunsill qed iwissi wkoll dwar il-proċess ta’ ġentrifikazzjoni li qed jaffettwa l-lokalità, hekk kif proprjetajiet residenzjali qed jinbidlu f’boutique hotels, short lets u użi oħra. Il-Kunsill mhux kontra l-investiment jew l-iżvilupp, iżda jinsisti li għandu jkun hemm bilanċ bejn ir-riġenerazzjoni ekonomika u l-ħarsien tal-komunità. Għalhekk il-Kunsill Lokali qed jinsisti fir-revizjoni tal-Pjan Lokali, u li dan ikun aġġornat biex iħares il-komunità residenzjali fil-Floriana.
Il-Kunsill Lokali tal-Floriaa għalhekk tenna t-talba tiegħu għal intervent konkret biex jiġi mħarsa l-komunità Furjaniża, jinħolqu aktar opportunitajiet għall-familji u ż-żgħażagħ biex jgħixu fil-Furjana, u tiġi garantita l-eżistenza ta’ komunità residenzjali ħajja.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kunsilliera Justine Palmier.






