Kriżi demografika li qed tkisser il-futur san tal-lokalità tal-Floriana
Il-binja tal-Kunsill Lokali Floriana se tinżamm magħluqa għall-pubbliku nhar it-Tlieta, 25 ta’ Awwissu biex jitwassal messaġġ akbar
Tul dawn l-aħħar sentejn, il-Kunsill Lokali Floriana ta bidu u intensifika l-kampanja tiegħu biex jindirizza l-kriżi demografika fil-Floriana u d-diżintegrazzjoni gradwali tal-komunità residenzjali Furjaniża, li aċċellerat ruħha f’dawn l-aħħar deċennji. Il-Kunsill Lokali saħħaħ il-ħidma tiegħu f’dan l-ambitu billi nieda dokument ta’ proposti, ideat u statistika li permezz tiegħu saru numu ta’ laqgħat ma’ ministri tal-Gvern, politiċi oħra, entitajiet bħal Kumitat Ċivili fi ħdan l-MCESD, konferenzi tal-aħbarijiet u sa anki Konferenza Reġjonali bis-sehem ta’ entitajiet u anki esperti. Il-Kunsill Lokali wettaq laqgħat ukoll ma’ awtoritajiet governattivi li għandhom xi interess fil-materja bħall-Awtorità tal-Ippjanar, u diversi attivitajiet oħra.
Peress li l-problema tal-Floriana hija simili għall-problemi ta’ komunitajiet madwar il-Port il-Kbir il qed jgħosfru wkoll minn jum għal jum, partikolarment il-Belt Valletta, Il-Birgu, Bormla u l-Isla, il-Kunsill Lokali Floriana pprova jinvolvi wkoll lil dawn il-lokalitajiet f’din il-materja kif ukoll lill-Kunsill Reġjonali Port u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Iżda, fl-aħħar mill-aħħar, il-Kunsill Lokali Floriana huwa responsabbli biss tal-lokalita’ tal-Floriana u baqa’ u ser jibqa’ jiġġieled biex din il-kriżi eżistenzjali tal-komunita’ Furjaniża tiġi indirizzata mill-Gvern u l-awtoritajiet governattivi relattivi.
Minkejja l-kampanja imsemmija, la l-Gvern u lanqas ebda awtorita’ governattiva oħra, li huma kollha konxji ta’ din ir-realta’ devastanti fuq il-komunitajiet imsemmija, ma rreaġġixxew u taw ħjiel li huma interessati li jipprovaw jsalvaw u jirxoxtaw il-komunita’ Furjaniża u komunitajiet simili li qed jiġu deċimati fil-għadd mil-lum għal għada.
Għaqldaqstant, xahar ilu l-Kunsill Lokali Floriana kiteb lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni biex jistqarru jekk għandhomx interess li jattwaw jew jipproponu miżuri biex jirxoxtaw dawn il-komunitajiet li jabitaw f’postijiet storiċi li sawwru ħafna mill-istorja ta’ Malta f’diversi oqsma.
Il-Kap tal-Oppożiżżjoni Dr Alex Borg wieġeb li lest li jiltaqa’ mal-Kunsill Lokali Floriana fuq il-materja iżda ma ġiet ebda tweġiba min-naħa tal-Gvern.
Fost affarijiet oħra, il-Kunsill Lokali Floriana qiegħed jinsisti, fuq moratorju mmedjat fuq ħruġ ta’ permessi ġodda għal ’boutique hotels’ u Airbnbs fil-Floriana sakemm il-Gvern jiddikjara l-ħsibijiet u l-pożizzjoni tiegħu fuq din il-problema tad-diżintegrazzjoni tal-komunitajiet u sakemm isir reviżjoni tal-Pjan Lokali tal-Floriana, li sar kważi kwart ta’ seklu ilu, fl-2002, u ma jista’ qatt jirrifletti l-kambjamenti enormi li saru sa minn mindu kien ġie varat u r-realtajiet tal-lum.
Dan minkejja li l-Awtorita tal-Ippjanar, taħt pretest jew ieħor, sa minn mindu ġie varat il-Pjan Lokali tal-Floriana fl-2002 xorta waħda ttradiet konsistentement il-missjoni tagħha stess, hekk kif hemm elenkat fil-pjan lokali msemmi tagħha, li tgħid li l-istess awtorita’ għandha l-obbligu li “tissalvagwardja il-karattru residenzjali tal-lokalita” (“to maintain the residental role of the town”).
Mhux talli m’għamlitx hekk l-Awtorità tal-Ippjanar iżda talli ppermettit li bir-rata li għaddejjin mhux ser inkunu ‘l bogħod milli naraw il-Floriana tinbidel f’kumpless vast amministrattiv, kummerċjali u turistiku filwaqt li ż-żona residenzjali u l-komunita’ Furjaniża ssir fl-akbar parti estinta.
L-Awtorità tad-Djar min-naħa tagħha ma wettqet l-ebda proġett fil-Floriana, bħalma sar f’bnadi oħra, fejn ċerti binjiet antiki ġew modifikati u laqgħu fihom residenti li setgħu jibqgħu jgħixu fil-lokalita’ li fiha twieldu u trabbew.
Aktar minn hekk, il-Floriana sofriet ukoll mill-fatt li fejn kien hemm rqajja’ li fihom setgħu jinbnew abitazzjonijiet għan-nies dawn ukoll ġew meħuda mill-Gvern għal skopijiet oħra, bħat-tkabbar tal-istazzjon tat-tifi tan-nar, il-bini fuq eluf ta’ metri kwadri ta’ mużew tal-arti kontemporanja li qed jitqanżah biex jiġġustifika ruħu u l-estensjoni proposta tal-librerija pubblika fuq art li fl-imgħoddi kienet tospita propju familji, iżda dawk tal-armata Ingliża.
Il-Kunsill Lokali Floriana, filwaqt li laqa’ bil-ferħa il-Grand Harbour Revival Plan (Il-Pjan għall-Qawmien mill-ġdid tal-Port il-Kbir) li kien tħabbar ftit xhur ilu, iħoss li kwalunkwe qawmien mill-ġdid taż-żona tal-Port il-Kbir li ma jinkludix il-qawmien mill-ġdid tal-komunitajiet li jmissu u jgħixu mal-Port il-Kbir huwa superfluwu u jkun ifisser il-mewt tal-istess komunitajiet.
Anki s-‘slogan’ magħzul għar-Reġjun Port bħala r-Reġjun Kulturali tas-Sena 2026, i.e. ‘L-istorja tankrana, il-mewġ jiggwidana’, jista’ jitqies biss bħala ‘slogan’ vojt jekk fost uħud mil-lokalitajiet tar-reġjun, inkluż il-Floriana, fi ftit żmien kull ma jkun ser jibqa’ hija l-istorja tal-passat għax il-preżent u l-futur qarib tal-komunitajiet msemmija jingħeleb mill-mewġ tal-interessi kummerċjali biss.
Il-Kunsill Lokali Floriana jħoss li qed jiġġieled battalja eżistenzjali għall-futur tal-Floriana u l-komunita’ Furjaniża u sabiex iqajjem s-sensibilitajiet tal-Gvern u awtoritajiet governattivi biex sa fl-aħħar jagħtu widen serju għal din il-problema u jimpenjaw ruħhom bis-serjeta’ f’miżuri biex il-komunita’ Furjaniża tqum mill-ġdid u tiffjorixxi ddeċieda li l-uffiċċju tal-istess kunsill lokali jinżamm magħluq għall-pubbliku nhar it-Tlieta, 25 ta’ Awwissu, 2026.
Residenti tal-Floriana BISS li jkollhom bżonn essenzjali li jinqdew dakinhar stess mill-kunsill lokali tagħhom jisgħu jċemplu fuq 21235523 jew 99245794 u jingħataw l-assistenza meħtieġa.


