Iffirma l-Petizzjoni – “Il-Komunitajiet l-Ewwel”, titnieda petizzjoni biex tittieħed azzjoni favur ir-residenti tal-Port il-Kbir
Il-Kunsill Lokali tal-Floriana nieda petizzjoni pubblika b’appell lill-Gvern biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiġu ssalvagwardjati u msaħħa l-komunitajiet ta’ madwar il-Port il-Kbir, li qed jiffaċċjaw tnaqqis kontinwu fil-popolazzjoni residenti tagħhom.
Il-Kunsill Lokali tal-Floriana kompla din l-inizjattiva bil-għan li l-kuxjenza li diġà tqajmet dwar sitwazzjoni li qed taffettwa diversi lokalitajiet madwar il-Port il-Kbir, tibqa’ għaddejja u tissaħħaħ.
Il-komunitajiet ta’ madwar il-Port il-Kbir jikkostitwixxu parti integrali mill-istorja, mill-identità u mill-ħajja soċjali u kulturali ta’ pajjiżna. It-tradizzjonijiet, il-wirt kulturali, l-identitajiet lokali u s-sens ta’ appartenenza tagħhom huma marbuta direttament mal-eżistenza ta’ komunitajiet residenti stabbli u attivi.
It-tnaqqis kontinwu fil-popolazzjoni tar-residenti għalhekk mhux biss hija kwistjoni demografika, iżda realtà li tista’ twassal għal tibdil fundamentali fil-karattru u fl-identità ta’ dawn il-lokalitajiet.
Permezz ta’ din il-petizzjoni, il-Kunsill Lokali qed jappella lill-Gvern biex jadotta politika pubblika koerenti u kkoordinata li tindirizza l-fatturi soċjoekonomiċi, demografiċi u urbanistiċi li qed jikkontribwixxu għal din is-sitwazzjoni.
Fost il-miżuri proposti hemm l-introduzzjoni ta’ skemi u inċentivi biex persuni, partikolarment żgħażagħ u familji, ikunu jistgħu jixtru proprjetà u jistabbilixxu r-residenza tagħhom fil-lokalitajiet ta’ madwar il-Port il-Kbir. Qed jintalab ukoll li tissaħħaħ il-politika favur il-ħajja komunitarja u l-preservazzjoni tal-identità lokali.
Il-Kunsill Lokali tal-Floriana jisħaq li r-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir ma tistax tkun limitata għal interventi fiżiċi, infrastrutturali jew ekonomiċi. Din għandha tinkludi wkoll dimensjoni soċjali u demografika li tpoġġi lir-resident u lill-komunità fiċ-ċentru tal-proċess.
L-iżvilupp ekonomiku, kummerċjali u turistiku għandu jimxi id f’id mal-ħarsien tal-ħajja residenzjali. Il-Port il-Kbir għandu jibqa’ spazju fejn, flimkien mal-attività ekonomika, ikomplu jiffjorixxu komunitajiet b’saħħithom, sostenibbli u attivi.
Għaldaqstant, il-Kunsill Lokali qed jistieden lill-kunsilli lokali l-oħra, lill-għaqdiet, lill-korpi kostitwiti, lill-entitajiet u liċ-ċittadini kollha biex jingħaqdu f’dan l-appell billi jiffirmaw u jxerrdu din il-petizzjoni.
Il-preservazzjoni tal-Port il-Kbir tfisser ukoll il-preservazzjoni tal-komunitajiet tiegħu. Ir-riġenerazzjoni ma tistax tkun biss dwar il-bini u l-infrastruttura, iżda għandha tkun ukoll dwar in-nies u l-futur tagħhom.
Il-petizzjoni tista’ tiġi ffirmata permezz ta’ Change.org: https://c.org/


